Numanizzaw l-HIV u Insaħħu l-Komunità  

🇬🇧 Read in English 🇬🇧

Permezz ta’ AĦNA POŻITTIVI qegħdin nistiednu lil kulħadd biex jimmaġina lilu nnifsu fil-pożizzjoni ta’ min jgħix bl-HIV (PJHIV). L-għan tagħna huwa li npoġġu lill-persuna UMANA fuq quddiem nett tad-diskussjonijiet dwar l-HIV (Human Immunodeficiency Virus). Dan il-virus jista’ jaffettwa lil kulħadd

Teżisti stigma kbira, kemm istituzzjonali kif ukoll kulturali, li qegħda twassal għal nuqqas ta’ politika effettiva u nuqqas ta’ empatija. Din qed taffettwa dak kollu li għandu x’jaqsam mas-sess fil-gżejjer Maltin. Wieħed mill-effetti inaċċettabbli ta’ dan huwa l-livell għoli ta’ HIV fis-soċjetà tagħna. Billi numanizzaw u npoġġu l-HIV fil-beraħ bħala suġġett ta’ diskussjoni, l-għan tagħna huwa li nħeġġu, nisfidaw, niddiskutu u nġibu l-bidla. Qegħdin inħeġġu lin-nies biex jaħsbu fir-realtajiet ta’ persuni li jgħixu bl-HIV.  Dawn id-diskussjonijiet jistgħu jwasslu għall-bidla imma jridu jsiru fuq livelli differenti: fil-politika, fis-saħħa pubblika, fis-sistema edukattiva, fis-servizzi soċjali, fil-post tax-xogħol, fost is-soċjetà ċivili u fost il-pubbliku ġenerali.  

L-għan ta’ AĦNA POŻITTIVI huwa li jħeġġeġ it-tisħiħ tal-persuna, il-qsim ta’ stejjer pożittivi mill-ħajja u l-bini ta’ komunità PJHIV b’saħħitha. Bħala parti mill-proġett qegħdin nippjanaw li norganizzaw attivitajiet fejn niltaqgħu bejnietna biex inħeġġu l-appoġġ bejnietna biex PJHIV jkunu jistgħu jsibu l-vuċi tagħhom. Jekk jogħġobkom agħmlu kuntatt magħna b’mod kunfidenzjali jekk tixtiequ tingħaqdu magħna. L-anonimità tagħkom tkun rispettata: community@checkpoint.mt

Għal European Testing Week May 2024, ksejna l-Monument tal-LOVE fil-Bajja ta’ Spinola b’kaxxi tat-testijiet tal-HIV li jistgħu jsiru d-dar biex nibdew konverżazzjoni magħkom. Din l-istallazzjoni artistika, maħluqa minn Emma Grima u Checkpoint Malta,hija l-bidu ta’ serje ta’ interventi u attivitajiet li l-għan tagħhom huwa li ninvolvu lill-pubbliku ġenerali f’diskussjoni u azzjoni dwar il-ħajja sesswali u l-HIV (Human Immunodeficiency Virus).

Ritratt: Emma Grima

Kun af l-istatus tiegħek tal-HIV

Jeħtieġ li ninnormalizzaw u nżidu l-ittestjar tal-HIV u l-użu tas-servizzi tas-saħħa sesswali fost il-pubbliku ġenerali. Ħafna jibżgħu jagħmlu t-test minħabba l-istigma li hija marbuta mal-HIV, jew forsi jaħsbu li mhumiex fir-riskju.  Malta għandha waħda mill-ogħla rati tal-HIV u infezzjonijiet oħra li jiġu trasmessi permezz ta’ atti sesswali fl-Ewropa. Iktar ittestjar iwassal għal tnaqqis fit-trasmissjoni tal-infezzjonijiet fil-popolazzjoni. Testijiet regolari jfissru li l-infezzjonijiet ikunu jistgħu jaqbduhom fil-bidu, u b’hekk dawk li jirriżulta li għandhom l-HIV ikunu f’pożizzjoni aħjar li jaċċessaw il-kura u l-mediċini u jkunu jistgħu jgħixu ħajja twila u b’saħħitha. Trattament  effettiv inaqqas is-saħħa tal-virus fil-ġisem ta’ bniedem tant li lanqas biss tkun tista’ tgħaddih lil ħaddieħor, dak li llum insejħulu U=U, Undetectable=Untransmittable. Jiġifieri jekk il-virus bilkemm jinstab fil-ġisem ma tistax titrasmettih. 

L-istallazzjoni ġiet iddisinjata biex jiżdied l-aċċess ghall-informazzjoni dwar għalfejn kulħadd għandu jkun jaf l-istatus tiegħu; u kif u fejn jista’ jagħmel it-test. Meta tinnormalizza l-ittestjar tkun qed tnaqqas l-istigma. Hawn ħafna informazzjoni fuq dan is-sit elettroniku. Kemm tagħfas il-ħoloq ta’ hawn fuq u ssibha. Meta tagħmel it-test, hu x’inhu r-riżultat, serraħ rasek li żgur se tirċievi kura medika eċċellenti. Jekk għandek bżonn iktar appoġġ, anki counselling, dan huwa għad-dispożizzjoni tiegħek billi tagħmel kuntatt magħna.

Ninkoraġġixxu l-attiviżmu - insaħħu leħinna

Qed nitolbu lin-nies biex iqisu r-realitijiet li jaffaċċjaw nies li jgħixu bl-HIV. Qegħdin nitolbu lin-nies biex jagħtu każ.

Ħafna jħossuhom imwarrbin, waħedhom u jgħixu fil-biża’ li jinkixfu, minħabba l-istigma.  Anki fil-komunità LGBTIQ+ stess xi kultant ikun hemm min ma jaċċettax u min ma jifhimx. Qegħdin nippruvaw nitkellmu ma’ persuni li għandhom l-HIV jew huma affettwati mill-HIV biex nagħtuhom is-sapport (PJHIV), dawk li għadhom kif jirċievu d-dijanjożi jew li huma b’xi mod affettwati mill-virus. Membri tal-komunità ta’ PJHIV f’Malta u Għawdex li jħossuhom komdi jitkellmu dwar l-istatus tagħhom, li saru attivisti u li jimmilitaw għal PJHIV huma ftit, tgħoddhom fuq id waħda. Ħafna, s’issa, għadhom silenzjużi. Aħna ninkoraġġixxu iktar nies biex jitkellmu għax jafu li hemm min jappoġġjahom. PJHIV għandhom stili ta’ ħajja u identitatjiet differenti; hemm min għandu partners li ilhom magħhom għal ħafna snin, min jibda familja, oħrajn kuntenti jibqgħu single. Ħafna nies qegħdin jgħixu ħajja mimlija, attiva u kuntenta bl-HIV. Għalhekk hi x’inhi l-esperjenza tiegħek, m’intix waħdek. 

Hawn iktar minn 500 persuna li qiegħda tgħix bl-HIV fil-Gżejjer Maltin u ħafna oħrajn li ma jafux x’inhu l-istatus tagħhom. L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qalet li fl-2022 huwa stmat li madwar 39 miljun persuna madwar id-dinja qegħdin jgħixu bl-HIV u li 2.4 miljun minn dawn qegħdin fir-Reġjun Ewropew (UNAIDS/WHO 2023).Huwa stmat li iktar minn persuna 1 minn 10 li tgħix bl-HIV fl-UE/EAA għadhom ma jafux l-istatus tagħhom (European Centre for Disease Control, 2023). Dan in-nuqqas t’għarfien iwassal biex id-dijanjożi ssir tard u biex tkompli tinfirex l-HIV.

Sfond u Rikonoxximent

AĦNA POŻITTIVI ġiet żviluppata wara numru ta’ taħdidiet fost PJHIV, persuni li jappoġġjawhom u attivisti minn Checkpoint Malta, MGRM, HIV Malta, Moviment Graffitti, LGBTI+ Gozo u oħrajn, wara li għamlet kuntatt magħna Emma Grima li kienet qiegħda tfittex kollaborazzjoni biex tagħmel ‘xiħaġa differenti’ dwar l-HIV u s-saħħa sesswali. Il-proġett se jiġi dokumentat kollu kemm hu f’forma ta’ ritratti, filmati u stejjer.

Ritratt: Emma Grima

Il-Mexxejja tal-Proġett


Emma Grima hija artista viżwali li għandha għal qalbha temi soċjali u tqassam ix-xogħol tagħha bejn Malta u n-Netherlands. Ix-xogħol artistiku tagħha huwa multidixxiplinarju u jnkludi l-fotografija, il-film u stallazzjonijiet tal-arti. Għal dan il-proġett kienet qiegħda taħdem ma’ Checkpoint Malta u gwidata mill-European Alternative’s Young Movement Campaign Accelerator programme.

Website: www.emmagrima.com | instagram: @emgrima 

Jackie Roberts hija artista u attivista Ingliża li tgħix f’Għawdex. Jackie hija s-Segretarja u Membru tal-Bord Eżekuttiv ta’ Checkpoint Malta.  Checkpoint Malta hija Organizzazzjoni Mhux Governattiva mmexxija minn PJHIV u voluntiera oħra li jappoġġjaw lil PJHIV jew li huma affettwati bl-HIV; tiġġieled l-istigma; torganizza l-ittestjar fil-komunità u attivitajiet informattivi li huma miftuħa għal kulħadd, u timmilita għal servizzi tas-saħħa sesswali aħjar f’Malta u Għawdex. Biex tagħmel appuntament għal test agħmel kuntatt magħna fuq: testing@checkpoint.mt | instagram: @checkpointmalta


Tim ta’ persuni li offrew l-appoġġ tagħhom u ħadmu ħafna: 

  • Robert Attard (MGRM/HIV Malta), Silvio Micallef u Angele Deguara (Moviment Graffitti), Catherine Camilleri (LGBTI+ Gozo), Marc Buhagiar (Checkpoint Malta)

  • Nirringrazzjaw lil Sexual Health Malta

  • Nirrikonoxxu b’ringrazzjament l-għajnuna u l-appoġġ tal-isponsors tagħna għall-istallazzjoni, in-Newfoundland Diagnostics, li provdewlna t-testijiet tal-HIV  u lil AM Mangion Ltd. li sponsorjaw parzjalment il-fuljetti u l-pannelli bl-informazzjoni. 

  • L-istallazzjoni ma kinitx tkun possibbli mingħajr il-barka ta’ Richard England, li ħoloq il-monument tal-LOVE u l-permess li tana l-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan.

Barra minn hekk, dawn il-persuni jistħoqqilhom referenza speċjali għall-inkoraġġiment, is-sapport u l-għajnuna li tawna:  Maria Axisa, Jake Curti, Myriam Zekagh, Anna Tucker, Ilya Krougly, Johannes Herrman, Freddie Jackson, Roger Aquilina, Philip Grima, Stan van Loon, Joanna Onions, Joe Grima.